Daniela Attard Bezzina, Uffiċjal għall-Komunikazzjoni – Heritage Malta
Jgħidu li l-pinna hi aktar setgħana mix-xabla, u għandhom raġun. U meta l-pinna ħaditilha postha t-typewriter, is-setgħa tferrgħet qalb l-ittri ta’ dik it-tastiera primittiva, fit-tektik mgħaġġel u l-ħoss tal-qanpiena u l-karta rrumblata timtela bil-linka. Iżda xi typewriters huma aktar setgħana minn oħrajn, mhux biss minħabba min kien sidhom imma wkoll minħabba xi nkiteb bihom. It-typewriter ta’ Anton Buttigieg tidħol perfettament f’din il-kategorija, għax tul is-snin kollha li tektek ħsibijietu fuqha ratu jsir avukat, membru parlamentari, President tar-Repubblika, u fuq kollox missier u poeta.
Din it-typewriter dan l-aħħar ġiet fdata f’idejn Heritage Malta u ngħaqdet mal-kollezzjoni nazzjonali tal-etnografija fi ħdan il-Palazz tal-Inkwiżitur. Maħduma fis-snin 30 mid-ditta Ingliża Imperial, it-typewriter ġiet importata u mibjugħa f’Malta mit-Typewriter Service Store, li kien jinsab f’numru 61, Strada Rjali, il-Belt Valletta. Mhix goffa fid-daqs, għax kienet maħsuba biex tinġarr minn post għal ieħor f’bagalja tal-injam. Fuq in-naħa tal-lemin tat-tastiera jispikkaw l-ittri Ċ, Ż, Ħ u Ġ kif jinkitbu bil-Malti, kif jidher li kienet id-drawwa f’każ ta’ typewriters maħsuba għal pajjiżi b’popolazzjoni multilingwi jew fejn l-Ingliż ma kienx mitkellem.
Kien John Buttigieg, l-akbar fost it-tliet ulied ta’ Anton Buttigieg, li ddeċieda li jgħaddi t-typewriter ta’ missieru lil Heritage Malta biex titgawda minn kulħadd issa u fil-ġejjieni, minkejja l-fatt li hi għażiża ħafna għalih u għal ħutu. Għożża li stajt nara fil-mod kif iħares lejn it-typewriter, mitluf fit-tifkiriet, u fil-mod kif jitkellem dwar missieru.
“Missieri kien bniedem twajjeb u mill-aħjar, iħobb il-paċi u kontra l-vjolenza. Niftakar li fl-irvell tat-28 ta’ April 1958, għall-ħabta tal-5.00pm, fil-pjazza tal-Ħamrun inġabret folla nies bil-ħsieb li jaħbtu għall-għassa tal-pulizija. Kelli 13-il sena u kont ma’ missieri l-pjazza, għax aħna mill-Ħamrun. Kif ra hekk, missieri mar quddiem il-bieb tal-għassa u fetaħ dirgħajh it-tnejn biex juri lin-nies li ma kellhomx jidħlu l-għassa, u b’rispett tiegħu waqfu mill-ewwel. Żmien wara kellimni Supretendent li kien hemm ġew u qalli li mnalla kien missieri dakinhar,” qalli John.
Kompla jirrakkontali li kellu biss tliet snin meta mietet ommu, u missieru ġab lill-ġenituri tiegħu u lil oħtu joqogħdu magħhom biex jieħdu ħsieb it-tlett itfal żgħar. Anton innifsu kien iqatta’ ħin kemm jista’ magħhom. John jiftakru jeħodhom il-baħar fis-sajf, u mixjiet twal fil-Buskett fix-xitwa, ħafna drabi akkumpanjati minn Dun Frans Camilleri, li bħal Anton Buttigieg kien dilettant kbir tal-pjanti u s-siġar.
“Missieri kien jikteb il-poeżiji bil-pinna, u dejjem niftakarna nsibu dal-ħafna karti bil-kitbiet tiegħu mferrxin ’l hawn u ’l hemm mad-dar kollha. Imbagħad kien jiġborhom u jittajpjahom, dejjem b’din it-typewriter Imperial. Qatt ma kellu typewriter oħra. Kollox biha kien jittajpja – minn dokumenti legali sa poeżiji. Ġeneralment kien jużaha fl-uffiċċju li kellu d-dar, imma fil-kamra tas-sodda kellu skrivanija u xi drabi kien jittajpja hemmhekk ukoll. Jien stess ġieli għentu fit-typing, u użajt lilha wkoll. Ngħidu aħna, fis-snin 60 kien qatta’ tliet xhur New York, fejn kien mar biex ikellem lid-delegati tal-Ġnus Magħquda dwar l-Indipendenza ta’ Malta. Meta ġie lura Malta, kiteb rapport twil – niftakar li kien iħobb jikteb bilqiegħda fuq is-sodda – u mbagħad ittajpjajnihulu jien u Joe Scerri,” qal John.
Wara l-mewt ta’ missieru, John ġabar il-poeżiji kollha ta’ Anton Buttigieg f’sit elettroniku. Ġabar ukoll f’volum wieħed it-tliet kotba li Anton Buttigieg kiteb dwar ħajtu, u magħhom żied fl-istess volum l-aħħar ktieb li kiteb missieru u li ma laħaqx ippubblikah qabel miet. Dan kien jittratta l-perjodu tal-kwistjoni tal-Integration. Id-dispjaċir ta’ John hu li missieru ma laħaqx kiteb l-istorja tal-Indipendenza, li kien protagonist fiha u li dwarha għamel riċerka estensiva.
“Missieri għadda lill-Biblijoteka Nazzjonali l-manuskritti tal-poeżiji tiegħu u ta’ kitbiet oħra wkoll, u wara mewtu jien għaddejtilhom il-manuskritt tal-aħħar dwar l-Integration. Ħassejt li t-typewriter kelli ngħaddiha lil Heritage Malta. Ikun dnub li oġġett bħal dak jintilef. Nies li kkontribwew għall-istorja ta’ Malta xieraq li l-Istat ikollu rikordju tagħhom b’oġġetti bħal dawn, biex jibqgħu preservati bħala parti mill-patrimonju tal-pajjiż.”
Il-ħajja dewqitu ħafna morr lil Anton Buttigieg, kif jixhdu wħud mill-isbaħ versi li tektek fuq dik it-typewriter. Iżda s-sens ta’ umoriżmu qatt ma tah il-ġenb, kif irrakkontali John qabel telaq. “Meta missieri kien joħroġ għall-elezzjoni, jien kont fil-canvassing team tiegħu u bdew iħajruni noħroġ ukoll, fuq l-istess distrett ta’ missieri. Fil-fatt tlajna mill-istess distrett darbtejn – fl-elezzjoni tal-1971 u f’dik tal-1976. Niftakar li n-nies kienu jikkonfondu xi ftit, u lil missieri kienu jistaqsuh lil min kellhom jagħtu n-numru 1 – jekk hux lilu jew lili. U hu kien iweġibhom bid-daħka, ‘Agħmlu bħal meta troddu s-salib!’”
Latest News
Press Releases | 2nd October 2024
Maltese Shop Facades Under the Spotlight in TOPIA at MUŻA
Press Releases | 2nd October 2024
A Weekend of Wonder at Three Candlelit Heritage Malta Birgu Sites
6th September 2024
More Calls for Applications for the maltabiennale.art 2026