minn Daniela Attard Bezzina, Uffiċjal għall-Komunikazzjoni – Heritage Malta

Int u miexi tul waħda mill-mogħdijiet tal-Forti Sant’Anġlu, bokkaport magħluq jiġbidlek l-attenzjoni u jqanqallek kurżità. Ħiemed u misterjuż, imma għandu ġrajjiet tal-waħx x’jirrakkonta kieku jista’. Dwar meta minnu kienu jniżżlu priġunier biex iqatta’ xhur jew snin f’kamra mudlama, bħallikieku l-art infetħet u belgħetu. Dawn huma l-ġrajjiet taċ-ċella taħt l-art magħrufa bħala ‘guva’, li bil-Franċiż tiġbor b’mod iżjed preċiż l-orrur kollu li timplika. Il-Franċiżi jsejħulha ‘oubliette’, mill-verb ‘oublier’ li jfisser ‘tinsa’. Għax tassew, fid-dlam perpetwu t’hemm isfel, kont tintesa minn kulħadd daqslikieku difnuk ħaj.

Dan l-aħħar, il-guva għal ftit żmien saret it-tieni dar għal konservaturi ta’ Heritage Malta li naddfu u trattaw il-graffiti mnaqqxin fuq il-ħitan taċ-ċella biex reġgħu ħarġulhom id-dettall kollu tagħhom. Dawn il-graffiti kienu mezz kif il-ħabsin jedhew, b’kull kelma jew tpinġija minquxa fil-ħajt donnha twerżiqa silenzjuża ta’ frustrazzjoni u disprament. Iżda qabelxejn, min kienu dawk li naqqxuhom u għala ntefgħu hemm isfel?

Matthew Balzan, Kuratur Anzjan għall-Fortifikazzjonijiet fi ħdan Heritage Malta, jispjega li l-użu oriġinali tal-guva, aktarx fil-Medjuevu, kien bħala bir. Ftit wara l-bidu tal-ħakma tal-Ordni ta’ San Ġwann, il-bir beda jintuża bħala ċella għall-ħabsin u dan l-użu ssokta tul il-perjodu kollu tal-Kavallieri f’Malta. Id-differenza bejn il-guva u ħabsijiet oħra kienet li l-guva kienet biss għal Kavallieri, impjegati tal-Ordni, jew nies oħra assoċjati mal-Ordni. Barra minn hekk, fil-guva kienu jinqaflu biss priġunieri b’sentenza, u mhux b’arrest preventiv.

Ir-reati li setgħu jwasslu biex persuna tiskonta sentenza fil-guva kienu jvarjaw minn insulti lill-Gran Mastru, diżubbidjenza, deżerzjoni, dwellar u tradiment, għal serq, qtil, sodomija u sagrileġġ. Normalment is-sentenzi kienu jkunu ta’ bejn sitt xhur u sentejn. Forsi dan jista’ ma jidhirx perjodu daqstant twil, iżda wieħed irid iżomm f’moħħu li l-guva kienet nieqsa minn kull kumdità u saħansitra minn faċilitajiet bażiċi ta’ rqad, sanità u dawl. Mhux biss, iżda ħafna drabi l-guva kienet tilqa’ fiha persuna waħda, li kien ifisser li l-priġunier ma kienx ikollu mqar ma’ min jgħid kelma, u li forsi jista’ jispjega s-sens ta’ disprament li jinħass f’ħafna mit-tinqix fuq il-ħitan.

Il-graffiti jistgħu jinqasmu f’żewġ tipi ewlenin: kitbiet u tpinġijiet. Hemm kitbiet sempliċi li jinkludu biss isem u data, iżda kien hemm ukoll priġunieri li kitbu messaġġi twal bil-Latin, fosthom wieħed li t-traduzzjoni tiegħu tgħid hekk: “Midfun ħaj u xewqan għall-ħbiberija f’dan il-ħabs fejn il-ħażin jirrenja fuq it-tajjeb għas-sodisfazzjon tal-għedewwa tiegħi.”

Fost it-tpinġijiet jispikkaw l-aktar il-kurċifissi, li jindikaw li l-ħabsin kienu jfittxu konsolazzjoni fi twemminhom fl-agħar waqtiet ta’ ħajjithom; l-armi araldiċi tal-familji nobbli mnejn kienu ġejjin il-Kavallieri maqfulin hemm isfel; u s-slaleb bi tmien ponot, bħal dak li naqqax Fra’ Carlo d’Ayme Mandri, li fl-1613 qatel lill-Patentat tal-Inkwiżizzjoni, Federico Ciantar, u wara ġie mgħallaq fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Priġunier ieħor naqqax il-karozzella tal-mejtin b’dettall liema bħalu.

Dan id-dettall, u dak tal-graffiti l-oħra kollha, issa jista’ jerġa’ jiġi ammirat bir-reqqa wara x-xogħol ta’ konservazzjoni li sar ftit ilu taħt it-tmexxija ta’ Ninette Sammut, Konservatriċi Anzjana fi ħdan Heritage Malta. “Mingħajr dan it-tip ta’ intervent, id-dettalji jintilfu għax il-melħ jibda jikkristalizza fil-ġebla,” qaltli Ninette. “U jekk jintilfu tkun tassew ħasra, għax dawn il-graffiti mhux biss imorru lura sekli sħaħ iżda tnaqqxu b’mod li jġiegħlek tistagħġeb.”

Ninette spjegat li l-iżjed fattur ta’ skantament hu kif il-ħabsin irnexxielhom jagħmlu graffiti daqshekk elaborati meta ma kellhomx għodda biex jonqxu l-ġebla. Wieħed jista’ biss jistħajjel li forsi t-tinqix sar b’għadam minn fdalijiet tal-ikel, jew b’xi pożati. “Trid tiftakar ukoll li l-guva ma kinitx maħsuba biex tintuża bħala ċella iżda bħala bir. Għalhekk qed nitkellmu fuq kamra żgħira forma ta’ qanpiena fejn id-dawl jidħol biss mill-bokka ta’ fuq, u allura li tikteb jew tpinġi hu aktar diffiċli,” żiedet Ninette.

Jaffaxxinaha wkoll il-fatt – s’issa inspjegabbli – li filwaqt li wħud mill-graffiti huma mnaqqxin f’livell ta’ persuna ta’ tul medju, oħrajn jinsabu ħafna aktar fil-għoli, tant li l-konservaturi kellhom jużaw sellum biex jilħquhom. “Jista’ jkun li maż-żmien il-livell tal-art għola bl-akkumulazzjoni ta’ ħmieġ. Jew forsi fiċ-ċella kien hemm xi banketta. Jew forsi fid-drabi rari meta fil-guva kien hemm żewġ persuni, wieħed tela’ fuq spallejn l-ieħor biex inaqqax għad-dawl tal-bokka. Hu x’inhu l-każ, għalissa għadu misteru,” qalet Ninette.

Hi u t-tim tagħha ħadmu fuq iżjed minn 20 graffiti, uħud kbar u oħrajn żgħar. Minbarra l-problema tal-kristallizzazzjoni tal-melħ kawżata mill-ilma li tassorbi l-ġebla, kien hemm ukoll kisja rqiqa ta’ ħamrija fuq il-graffiti li wkoll kienet qed tikkontribwixxi għall-kontenut ta’ melħ u li kien hemm bżonn titneħħa.

Ix-xquq kollha tal-graffiti tnaddfu b’għodda rqiqa minn kull traċċa ta’ ħamrija u ħmieġ, imbagħad ingħatat velatura biex il-ġebla tkun imħarsa kemm jista’ jkun kontra l-melħ, l-akbar għadu tagħha. Madankollu l-melħ hu inevitabbli u qatt ma tista’ teliminah għalkollox, għax il-ġebla hi poruża, bħal sponża, u dejjem tassorbi l-ilma u l-melħ ta’ ġo fih. Għalhekk it-triq ’il quddiem se tkun waħda ta’ sorveljanza regolari mal-qlib tal-istaġuni, flimkien ma’ manutenzjoni skont kif ikun meħtieġ.

Staqsejt lil Ninette kif ħassewhom hi u l-konservaturi l-oħra huma u jagħtu l-ħajja lil dawn il-graffiti. “Jien ħassejtni daqslikieku min naqqaxhom kien qed ikellimni. Kien qed jgħidli kif ħassu wara li ntefa’ hemm isfel, kif kien qed iqis ir-reliġjon bħala l-unika tarka tiegħu, kif xtaq jipprotesta kontra dik li ħass li kienet inġustizzja miegħu. Fuq kollox ħassejt li xi ħadd li għex sekli ilu kien qed jipprova jħalli messaġġ li bih jikkomunika ma’ min għad jarah mal-milja taż-żmien.”

(Nota: Il-guva tal-Forti Sant’Anġlu mhix miftuħa għall-pubbliku minħabba li l-aċċess għaliha huwa diffiċli ħafna. Madankollu l-viżitaturi tal-Forti jistgħu jaraw filmat dwarha f’kamra apposta fejn hemm ukoll diversi tabelli b’tagħrif interessanti.)

Share this article
Stay up to date about our exhibitions, news, programs, and special offers.

Skip to content