Stqarrija| 4 ta’ Marzu 2024
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien ma’ Marsaxlokk Heritage b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Heritage Malta varaw proġett bl-isem ta “Restawr ta’ Qoxra tal-Baħar.”
Dan il-proġett għandu l-għan li jirrestawra dgħajsa tradizzjonali tal-injam li kienet ġiet abbandunata.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega li dan il-proġett iħares li jippreserva l-arti u s-sengħa tad-dgħajjes tradizzjonali billi jirrestawra dgħajsa tal-injam li kienet kompletament mitluqa.
“Din id-dgħajsa partikolari ta’ mitt sena li ser tiġi rrestawrata hija waħda mid-dgħajjes tal-injam użati mis-sajjieda u ftit minnhom għadhom jaħdmu sal-lum,” qal il-Ministru Bonnici. Huwa spjega li storikament l-iskop tad-dgħajsa kien li tittrasporta l-passiġġieri madwar il-portijiet, u aktar tard evolviet f’qoxra tas-sajd. Huwa spjega li fil-proċess ta’ restawr, id-dgħajsa se tkun armata bit-tarkija, li hu qlugħ tradizzjonali li se jkun attrazzjoni ewlenija għal min iżur il-port ta’ Marsaxlokk.
Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, saħaq li huwa unur għall-aġenzija li tkun parti minn tim tant b’saħħtu, mimli nies għerf u esperjenza, li se jaċċerta li dak li b’tant għożża u fortuna għadda għandna, ikun jista’ jibqa’ jiġi apprezzat. Huwa semma kif, grazzi għat-Taqsimiet tad-Diġitizzazzjoni u tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar (UCHU) fi ħdanha, Heritage Malta se tkun ukoll qiegħda tiddokumenta x-xogħol ta’ restawr fuq id-dgħajsa, li jikkumplimenta diversi proġetti oħrajn tagħha li qed iwessgħu l-wirt storiku restawrat, imħares u magħmul aċċessibbli għat-tgawdija tal-pubbliku.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef faħħar lid-Dipartiment tal-Iżvilupp tal-Prodott tal-MTA għar-rwol ċentrali tiegħu fil-preservazzjoni tal-identità u l-wirt Malti permezz ta’ diversi inizjattivi madwar Malta u Għawdex.
Huwa enfasizza li dan il-proġett huwa xhieda tad-dedikazzjoni tal-Awtorità li tarrikkixxi l-esperjenza awtentika tat-turist fil-gżejjer Maltin, minbarra l-isforzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-Awtorità biex tattira t-turiżmu lejn Malta. Micallef enfasizza l-importanza li tintwera l-essenza awtentika tal-gżejjer Maltin lill-viżitaturi, bil-għan li toffrilhom esperjenza unika u b’valur miżjud, li tiddistingwi l-gżejjer tagħna mill-kompetizzjoni ta’ madwarna.
Ryan Abela, mill-NGO Marsaxlokk Heritage, faħħar din l-inizjattiva. Huwa qal, “Qegħdin nimmiraw li dan il-proġett ikun l-ewwel imbuttatura għal restawr ta’ ħafna dgħajjes tradizzjonali oħra. B’hekk nisperaw li dawn il-qxur jiżdiedu u jkomplu jsebbħu l-portijiet tagħna Maltin, kemm għar-residenti, kif ukoll għat-turisti li jżuruna. Dan il-proġett huwa kollaborazzjoni pożittiva bejn tliet entitajiet minn setturi differenti li ngħaqdu f’daqqa għal għan komuni.”
Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jara kull stadju ta’ dan il-vjaġġ notevoli ta’ restawr, peress li ser jiġi dokumentat. Mat-tlestija, il-Firilla ser tiġi rmiġġata fil-port ta’ Marsaxlokk, il-qlugħ tradizzjonali tagħha b’dehra attraenti għal dawk kollha li jżuruhom. Fid-dawl tal-għeruq storiċi tagħha, l-għan finali huwa li jkun hemm firilla kompletament operattiva użata biex iġġorr turisti u dilettanti fuq tours edukattivi tal-port, li jenfasizzaw fuq l-istorja marittima ta’ Marsaxlokk u ta’ Malta.
Latest News
6th September 2024
More Calls for Applications for the maltabiennale.art 2026
21st August 2024
Extended Hours at Five Key Heritage Malta Sites Until October
16th August 2024
Preparations for maltabiennale 2026 Kickstarted
Up Next
Press Releases | 4th March 2024