miktub minn Daniela Attard Bezzina

Meta tkun għadek tifla żgħira, ikollok ħolm kbir. Tħalli l-fantasija tiġri bik, lil hinn mit-tfulija u dritt għal ġod-dinja tal-adulti, u f’dik id-dinja mistħajla tkun kantanta popolari, attriċi famuża, astronawta qalbiena, pilota tal-ajruplani, xjentista magħrufa. Saħansitra prinċipessa jew reġina. Iżda prinċipessa ċkejkna, b’destin imfassal minn qabel, dwar xiex toħlom, u xi tkun tixtieq issir? Tgħid tħossha xortiha tajba li tgħix f’palazz, li kulħadd jinkina quddiemha, li hi mgħassa kontinwament? Tgħid ġieli tistaqsi lilha nfisha kif kienet tkun ħajjitha kieku twieldet bniedma komuni? U ġieli tixxennaq għall-ħelsien, għall-anonimità u għall-ferħ li jnisslu l-iżjed pjaċiri sempliċi tal-ħajja?

Dat-tweġibiet li qatt ma tlissnu llum jitqiegħdu għas-serħan ta’ dejjem ħdejn il-Maestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta II. Li nafu żgur, iżda, hu li – sew jekk ġieli xtaqithom u sew jekk le – hawn Malta hija esperjenzat dak il-ħelsien u dik in-normalità li biljuni ta’ nies jgħixuha ta’ bilfors kuljum imma li fissret sors straordinarju ta’ tgawdija għal prinċipessa li kellha ssir it-tieni l-aktar monarka b’renju twil fl-istorja tad-dinja.

Għal ftit xhur kull darba bejn l-1949 u l-1951, il-Prinċipessa Eliżabetta kienet iżżur lil żewġha, il-Prinċep Filippu, waqt li kien qed iservi f’Malta bħala uffiċjal tal-Qawwa Navali Rjali. It-tnejn kellhom biss fuq l-għoxrin sena, miżżewġin friski, u f’Malta setgħu jgawdu l-intimità ta’ dar minflok palazz, iqattgħu ħin prezzjuż għall-kwiet flimkien, u jiskopru l-irħula u x-xtajtiet imwarrbin tal-gżira fl-hena tal-privatezza. Veru li kellhom impenji uffiċjali li ma setgħux jevitawhom, iżda fil-bqija tal-ħin – u aktarx għall-ewwel u l-aħħar darba f’ħajjithom – il-ħajja tal-koppja żagħżugħa kienet ixxaqleb lejn l-ordinarju. Saħansitra rnexxielhom imorru jaraw film waħedhom, u spiss kienu jaqbżu qabża sal-Lukanda Phoenicia biex joqogħdu jiżfnu, bil-banda ddoqq is-silta favorita tal-prinċipessa mill-musical Oklahoma!.

Bħala mart uffiċjal navali, il-Prinċipessa Eliżabetta kienet twettaq id-dmirijiet kollha kif mistenni minnha – tattendi attivitajiet ma’ żewġha, tagħti daqqa t’id meta jiġi organizzat xi festin abbord, u tkompli mal-mistednin waqt xi ċena jew te fis-swali jew fil-ġnien ta’ Villa Guardamangia, id-dar tagħha f’Malta. Iżda kienet issib ukoll ħin għaliha nfisha, u f’dawn il-ħinijiet saret tħobb lil dil-gżira u lil niesha.

Mhux l-ewwel darba li kont taraha titħaddet mal-Maltin, sew jekk ġirien tagħha u wkoll jekk ma tafhomx. Kienet tidher li tieħu interess ġenwin f’dak li kellhom xi jgħidu u turi empatija magħhom f’waqtiet ta’ diqa. Kienet issuq hi stess lejn kull fejn kellha bżonn tmur, ħafna drabi akkumpanjata biss mill-qaddejja tagħha u, l-iktar l-iktar, minn uffiċjal tas-sigurtà kemxejn fil-bogħod. Kienet tmur għand il-hairdresser regolarment u titħallat man-nies iduru l-ħwienet f’Tas-Sliema. Xi drabi kienet tidħol tixtri xi ġugarell għal binha l-kbir, Karlu, li dak iż-żmien kien għadu tifel żgħir ħafna u ma ġiex Malta ma’ ommu u missieru.

Tabilħaqq, f’żewġ okkażjonijiet separati, l-ulied kienu r-raġuni għala l-prinċipessa kellha taqta’ waħda minn dawn iż-żjarat f’Malta fil-qasir. Darba minnhom Karlu kien marid sew bit-tunsilli, tant li ommu ħasset li aħjar tkun ħdejh, u darb’oħra t-tqala tal-prinċipessa kienet qed toqrob lejn tmiemha u għalhekk marret lura l-Ingilterra biex twelled lil bintha, Anne.

Iż-żmien li l-Prinċipessa Eliżabetta qattgħet f’Malta nissel fiha sens ta’ familjarità ma’ dak kollu li hu Malti. Kienet tħobb tmur tara l-karrijiet tal-karnival u l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira l-Belt, żewġ aspetti kuntrastanti tal-kultura lokali. U qatt ma kienet toqgħod lura milli dduq ikel tradizzjonali Malti, bħall-fenek, il-pastizzi, it-torta tal-lampuki u l-ħobż tipiku ta’ dawn il-gżejjer.

Fis-snin ta’ wara, bħala r-Reġina tal-Ingilterra, il-Kap tal-Commonwealth u l-mexxejja tal-Imperu Ingliż, il-Maestà Tagħha dejjem tkellmet bil-ħlewwa dwar Malta hi u ssemmi t-tifkiriet sbieħ taż-żmien li qattgħet hawn. U l-Maltin, min-naħa tagħhom, se jibqgħu jitkellmu bil-ħlewwa dwar Eliżabetta, il-mara żagħżugħa żvelta u bla ħsibijiet li mxiet ferħana fit-toroq xemxin tagħhom, li dejjem kellha kelma ta’ faraġ xi tlissen, … li kienet Reġina imma, l-ewwel u qabel kollox, kienet bniedma tad-demm u l-laħam.

Share this article
Stay up to date about our exhibitions, news, programs, and special offers.

Skip to content