miktub minn Daniela Attard Bezzina

Il-Belt Valletta fi żmien il-Milied. Nies bla nifs jippruvaw ilaħħqu max-xiri tal-aħħar rigali. Nies jifirħu b’xulxin, oħrajn jevitaw lil xulxin. Irwejjaħ ta’ kafè u pastizzi, tabakk u ċikkulata mdewba fil-kikkri, jitħalltu ħaġa waħda mal-ħamba u l-geġwiġija. U taħt l-art, fil-ħemda u fl-umdità, il-mogħdijiet mudlama jissemmgħu bla ma jitniffsu, megħluba mill-kurżità dwar dak li għaddej hemm fuq u li huma jistgħu biss jimmaġinaw.

Għax tassew, f’waħda mill-aktar pjazez fejn jinġabru nies fil-belt kapitali, hemm indana taraġ li taf ma tintebaħx biha int u għaddej bil-qadi jew bit-taħdit mal-ħbieb bejn belgħa kafè u oħra. Ftit tarġiet kollox, imma biżżejjed biex mill-għagħa u d-dwal tal-Belt Valletta ssib ruħek fi skiet taqtgħu b’sikkina li jniżżlek dejjem iżjed fil-fond, fejn ma tismax tpaqpiq ta’ ħornijiet u tpaċpiċ ta’ nies. Iżda fejn, jekk tħalli s-silenzju jkellmek, taf tisma’ t-tgedwid ta’ xjuħ jitolbu bi ħrara, il-biki ta’ tfal imbeżżgħin, il-ħoss wenniesi tal-ilma jinġabar fil-bjar. Tisma’ lil Underground Valletta tfesfislek ġrajjietha.

Dan is-sit storiku, fdat taħt il-ħarsien ta’ Heritage Malta, issa ilu ftit aktar minn sena miftuħ għall-pubbliku, li b’mawra hemm isfel jista’ jifhem aħjar x’kien l-użu ta’ dan il-post f’fażijiet differenti tal-istorja ta’ pajjiżna. Iż-żoni taħt l-art li l-pubbliku għandu aċċess għalihom jikkonsistu prinċipalment fil-mini li kienu tħaffru mill-Kavallieri ta’ San Ġwann biex jaqdu l-ħtiġijiet sanitarji tal-belt il-ġdida li bnew fuq l-Għolja Sciberras; iċ-ċisterni u l-bjar li fihom kien jinħażen l-ilma sekli ilu; u x-xelters li tħaffru fit-Tieni Gwerra Dinjija biex fihom isibu refuġju l-Beltin waqt il-ħbit mill-ajru.

Il-Kavallieri bnew il-Belt Valletta bi ħsieb profond, bi pjan li jilqa’ għal kull kontinġenza, u b’inġinerija ammirevoli, kif jixhdu l-mogħdijiet li għaddejjin minn taħtha. Fi żmienhom, dawn l-ispazji kienu jintużaw għall-ħażna tal-qamħ kif ukoll għal skopijiet militari, bħal movimenti ta’ truppi jew biex wieħed ikun jista’ jaħrab. Iżda l-mogħdijiet kienu wkoll essenzjali minn żewġ aspetti oħra kruċjali: l-ilma u d-drenaġġ. It-tnejn kienu vitali għall-Belt f’każ ta’ assedju, imma anke fi żmien ta’ paċi.

Il-ħażna tal-ilma tal-Belt intużat darba waħda biss waqt assedju – meta fl-1798 il-Franċiżi ġew imblukkati mill-Maltin, li minnufih qatgħu l-provvista tal-ilma tal-akkwedott għall-Belt iżda ma setgħu bl-ebda mod iżommu lill-Franċiżi milli jużaw il-miljuni ta’ glalen ta’ ilma maħżunin fil-ġibjuni u ċ-ċisterni sotterranji tal-Belt.

Ħafna snin wara, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, seħħ l-aħħar kapitlu importanti għall-belt ta’ taħt l-art, meta l-passaġġi tagħha żdiedu u ntużaw bħala kenn mill-bumbardamenti. Eluf ta’ nies għaddew sigħat twal marsusin hemm isfel, b’faċilitajiet sanitarji primittivi, b’ikel mill-inqas u bil-biża’ li ma jirnexxilhomx joħorġu minn hemm qawwijin u sħaħ. Ir-rużarju u s-santi mwaħħlin mal-ħitan kienu l-uniku sors ta’ tama. Għal dawk li kienet iġġarrfitilhom id-dar, il-gabubi mħaffrin taħt l-art saru r-refuġju waħdieni. Lil dawn il-kmamar bla arja u dawl naturali, ippruvaw jagħtuhom bixra domestika mill-aħjar li setgħu, kif jidher mill-madum li waħħlu fl-art.

Heritage Malta qed tagħtik l-opportunità li tinżel tara dan kollu b’għajnejk, u tifhem aħjar l-użu differenti li kellha mal-milja taż-żmien il-belt l-oħra mistura taħt il-Belt Valletta. Din hi Underground Valletta… esperjenza sħiħa u kompluta tal-belt kapitali; xhieda tal-ħiliet bla qies tal-bniedem; mafkar lil nies li batew ħafna iżda li ttamaw sal-aħħar. Tagħmel tajjeb jekk tagħtihom ġieħ bi żjara lill-post li jixhed is-sofferenzi tagħhom.

Aktar tagħrif dwar kif wieħed jaqta’ l-biljetti u dwar il-ħinijiet tal-ftuħ jinsab hawn https://heritagemalta.mt/explore/underground-valletta/

Share this article
Stay up to date about our exhibitions, news, programs, and special offers.

Skip to content